Banner









© Radju Lehen il-Qala

Twaqqif ta’ Radju Leħen il-Qala

Radju Leħen il-Qala jaf il-bidu tiegħu lura fis-sena 1996. Kien proprju l-25 ta’ Lulju ta’ dik is-sena meta għall-ewwel darba instema’ leħen lokali fuq is-sett tar-radjijiet tagħna. Leħen li dewa fid-djar tagħna, u dak l-istess leħen illum għadu jidwi b’dimensjoni akbar u aqwa.


Fuq l-inizjattiva ta’ l-arċipriet ta’ dak iż-żmien, dakinhar il-Kan. Karm Refalo, flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ mimlija b’enerġija dinamika u entużjażmu liema bħalu, twasslet l-ewwel skeda fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp. Kienet idea ġdida kemm għall-Qala u kemm għal Għawdex, idea li llum kibret u tferrxet mal-gżejjer Maltin fejn insibu numru ġmielu ta’ stazzjonijiet komunitarji. Tgħid kien f’loku? Dażgur li kien! Kieku wara dawk is-snin kollha dan l-istazzjon għadu jiffunzjona? Dan l-istazzjon huwa mezz importanti ta’ xandir, mezz biex iservi ta’ katina ma’ l-emigranti mxerrda mal-erbat irjieħ tad-dinja, mezz biex iservi ta’ tagħlim spiritwali u soċjali, mezz biex dak l-anzjan, dak il-marid u dak li jinsab f’solitudni, iderri u jifraħ għax dan ir-radju, mir-raħal ċkejken fil-lvant ta’ Għawdex, iżommlu kumpanija, iżommu infurmat u jwassallu dak kollu li jkun qed jiġri matul is-sena kollha.


Il-bidu kien diffiċli. Ir-riżorsi kienu limitati. Ħadd ma kien espert. Kulħadd mix-xejn beda, f’kamra żgħira fuq is-sagristija. Iżda kien minn hemm li ħareġ l-ewwel leħen li sal-lum għadu jidwi. Għaddiet l-ewwel skeda ta’ ftit ġranet ta’ xandir. Kulħadd kien kburi u kuntent. L-għada tal-festa kulħadd kelma waħda: “Għaliex waqaftu”. Deher fiċ-ċar li din l-idea trasmessa f’realtà kienet intlaqgħet tajjeb mill-poplu. Il-polz tal-Qalin kien iħabbat favur dan l-istazzjon. Il-ħeġġa u l-fervur ta’ l-ewwel pjunieri ta’ dan l-istazzjon wasslet biex l-entużjażmu tal-bidu ma jintefiex u jmut imma jitkabbar u jitħeġġeġ. Hekk ġara. Għax minn dakinhar ’il quddiem l-iskeda dejjem bdiet iżżid fil-kwantità u fil-kwalità.


Oriġinarjament Radju Leħen il-Qala kien ixandar fuq il-frekwenza ta’ 106.5FM. Ġara li twaqqaf radju nazzjonali qrib ħafna ta’ din il-frekwenza. Ir-radju komunitarju tagħna kien qed ibati, kien qed jintefa u n-nies bdiet turi d-dispjaċir tagħha li l-leħen ma kienx għadu jasal ċar. Prova oħra ta’ kemm dan l-istazzjon kien qed iservi ta’ ġid. Prova ta’ kemm dan l-istazzjon kien mezz modern ta’ kif il-messaġġ nisrani jasal għand il-poplu. Saret talba uffiċjali lill-Awtorità tax-Xandir u Radju Leħen il-Qala ngħata frekwenza ġdida – 106.3FM.


Tul dawn is-snin Radju Leħen il-Qala biddel kemm-il darba l-post minn fejn ixandar. Dejjem b’għan wieħed – li nagħmlu jkun għall-aħjar. Forsi mhux dejjem kien hekk, imma kif ħa titgħallem jekk mhux bl-iżbalji! Illum Radju Leħen il-Qala għandu studjows ġodda, adattati, u komdi li wara kollox jixirqu lil dan l-istazzjon. Proprju fis-sena 2008, taħt it-tmexxija ta’ l-arċipriet preżenti, il-Kan. Dr Joe Zammit, Radju Leħen il-Qala żanżan dan l-investiment f’dan l-istazzjon. Investiment li ser ikompli jsaħħaħ u jwitti t-triq tal-futur.

Radju żgħir iżda b’qalb kbira

Veru li dan l-istazzjon huwa komunitarju. Veru li huwa żgħir. Iżda ħadd ma għandu dubju kemm għandu qalb kbira. Din il-qalb kibret u ssaħħet fit-taħbit tagħha grazzi għal dawk kollha li xi darba jew oħra taw il-kontribut tagħhom. Kienu diversi li matul is-snin iddedikaw ħinhom biex Radju Leħen il-Qala jkompli l-missjoni tiegħu. Fil-preżent dan il-leħen qed ikompli jitwassal kemm f’raħalna u kemm madwar id-dinja permezz ta’ l-internet. L-webcasting qed iservi biex l-emgiranti, għalkemm ’il bogħod minn raħal twelidhom, iħossuhom magħquda fl-ispirtu magħna.

Passat storiku

Kontu tistennew li Radju Leħen il-Qala jniżżel ismu u jibda paġna ġdida fil-qasam tax-xandir nazzjonali? Le lanqas xejn. Iżda hekk ġara. Is-Sibt 16 ta’ Novembru 2002, data li ma tintesa qatt, data li ser tibqa’ mnaqqxa b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ dan l-istazzjon u fl-istorja tax-xandir f’Malta. Radju Leħen il-Qala mhux biss kien mal-finalisti iżda permezz tal-programm 'L-Edukazzjoni ta’ Wliedna' kiseb l-ewwel post. Ħafna ma emmnux. Kif radju komunitarju jħabbatha ma’ stazzjonijiet nazzjonali? Hekk hu. Jista’. Fil-ġranet ta’ wara dan l-istazzjon żgħir Għawdxi kien fil-mira tal-media lokali. Bir-raġun. Radju Leħen il-Qala ma waqafx hawn. Is-sorpriżi kienu għadhom merfugħa. Dan l-istazzjon jerġa’ jkun fil-finali tal-premijiet għall-aqwa programmi mnedija mill-Awtorità tax-Xandir. F’Novembru 2003, Radju Leħen il-Qala minn tmintax-il nominazzjoni jasal fuq il-podju tat-tielet post fl-edizzjoni ta’ Għarfien Nazzjonali Żgħażagħ fis-Soċjetà 2003.

Ħarsa lura, b’viżjoni ’l quddiem

X’wassal għal dan is-suċċess? Id-dedikazzjoni, l-impenn u s-sagrifiċċju tal-voluntiera magħġuna ma’ l-id moħbija ta’ Alla, bl-għajnuna tal-patruni tagħna, l-impossibbli sfaxxa u dak li deher ’il fuq ħafna u mhux possibbli li jintlaħaq sar realtà.


Inħarsu lura b’sens ta’ sodisfazzjon kbir. Titwila lura u nħossuna kburin. Iżda ma aħniex ser nieqfu hawn. Il-passat fil-każ tagħna huwa garanzija tal-futur. Id f’id flimkien mal-patruni tal-Qala, San Ġużepp u l-Immakulata Kunċizzjoni, inkomplu nkunu mezz ta’ leħen fid-djar tas-semmiegħa tagħna.

 
L-ewwel studjows
 
Broadcasting Authority Award 2002Għarfien Nazzjonali Żgħażagħ fis-Soċjetà 2003

Ikkuntatjana

24, Triq San Frangisk, Qala, Ghawdex, QLA 1030.
E mail: info@radjulehenil-qala.com
Numru tat-Telefon: (+356) 21 558 556
SMS: 5061 2222

Ara l-guestbook